Il-Prim Ministru Robert Abela jirrimarka kif fid-dawl tat-taqlib u awsterità fl-Ewropa, il-Gvern ressaq budget li jiggarantixxi stabbiltà għall-familji u n-negozji
Il-Prim Ministru Robert Abela ddeskriva l-Budget għall-2027 bħala wieħed uniku fl-Ewropa. “Uniku fil-garanzija li jagħti lill-familji u lin-negozji fl-istabbiltà li joffri. Imkien fl-Ewropa ma hemm pajjiż li kapaċi jagħti garanzija ta’ prezzijiet tal-enerġija u tal-fjuwil stabbli.”
Dr Abela qal ukoll illi l-Budget li ressaq il-Gvern huwa garanzija tal-kontinwità tal-progress ekonomiku u soċjali. Qal li ma hemm ebda pajjiż ieħor fl-Ewropa li għadu għaddej bir-ritmu ekonomiku li għaddej bih pajjiżna u li għandu prospetti daqstant tajbin għas-snin li ġejjin.
“Budgets oħra madwar l-Ewropa qed idaħħlu piżijiet akbar fuq il-familji u n-negozji. Gvernijiet madwarna mhux jitkellmu fuq żidiet fil-benefiċċji imma fuq il-bżonn ta’ sagrifiċċji. Jitkellmu mhux fuq investiment, imma fuq awsterità, fuq żidiet fit-taxxi u mhux fuq tnaqqis,” kompla jgħid il-Prim Ministru Abela.
Huwa qal illi d-differenza bejn il-budgets li ressaq dan il-gvern qabel u dak li tressaq illum huma tlieta. L-ewwel nett għax huwa budget ta’ stabbiltà li jsostni l-ekonomija ta’ Malta, primarjament grazzi għall-prezzijiet stabbli għall-enerġija u fjuwil.
Fl-istess waqt il-Gvern baqa’ jilqa’ għar-realtajiet li jaffrontaw il-familji u n-negozji billi kompla bit-titjib fid-dħul għall-familji, fosthom permezz tas-Super Bonus, is-sostenn lil ġenituri bi tfal b’diżabilità, it-titjib fil-pensjonijiet u drittijiet ġodda lir-romol u n-nisa.
U finalment, il-Prim Ministru qal li l-Budget 2027 huwa ffokat fuq it-triq ’il quddiem, fosthom permezz tal-investiment fl-Intelliġenza Artifiċjali (AI), bidliet fl-edukazzjoni, investiment qawwi fis-sistema tal-ġenerazzjoni u distribuzzjoni tal-enerġija u fis-saħħa pubblika.
Il-Prim Ministru elenka wkoll numru ta’ miżuri li ħabbar il-Gvern fosthom l-akbar tnaqqis fit-taxxa, żieda bla preċedent fil-benefiċċji soċjali u allokazzjoni rekord għal proġetti kapitali. “U minkejja dan se nibqgħu b’defiċit ta’ 2.6%. Fost l-inqas defiċits fl-Ewropa, inqas minn nofs dak imbassar għall-Ġermanja u Franza.”
Dr Abela qal li dan kollu jista’ jsir għax il-Gvern kien responsabbli, ħa deċiżjonijiet tajbin li bnew magna ekonomika reżiljenti u li trendi.
Huwa qal ukoll iżda li f’dan il-Budget qed jintbagħat messaġġ ċar biex tonqos id-dipendenza fuq barranin u tkompli l-evoluzzjoni tal-ekonomija tagħna għal waħda ta’ produttività għolja u valur miżjud. Fakkar kif is-sena l-oħra kienu ddaħħlu skemi biex proprju dan jiġi ppremjat.
“Qed nagħtu sinjal qawwi lis-settur privat biex jibqa’ jinvesti permezz tal-ewwel tnaqqis fil-corporate tax li qatt implimenta dan il-Gvern. Minn 35% għal 25%. Irridu li dan l-investiment jiffoka l-aktar fl-adozzjoni ta’ teknoloġiji ġodda u f’titjib fil-produttività,” qal Dr Abela.
Il-Prim Ministru sostna li biex nibqgħu ngawdu minn miżuri bħal dawk imħabbra fil-Budget trid tingħata direzzjoni strateġika lill-ekonomija.
“Għalhekk daqskemm huwa importanti l-€1,000 Super Bonus, daqstant ieħor huwa importanti l-investiment li se nkunu qed nagħmlu biex inkomplu l-qabża diġitali. Daqskemm hija importanti ż-żieda fil-pensjonijiet, daqstant ieħor huwa importanti li ntellqu l-proġetti ta’ enerġija rinnovabbli u ta’ batteriji tal-massa li huma tant kruċjali għall-elettrifikazzjoni ta’ pajjiżna,” kompla l-Prim Ministru.
Dr Abela kompla jgħid li fil-Budget il-Gvern qed ikompli fit-triq li toħloq il-ġid u tqassmu man-nies. “Urejna b’mod ċar li l-kelma tagħna qatt u qatt ma mmorru lura minnha,” qal Dr Abela.
“Il-kelma tagħna li noffru kontinwità fil-progress ekonomiku u soċjali ta’ dan il-ġens, li l-ebda maltemp mhu se jwassal biex dak li nkiseb fil-passat jitreġġa’ lura. Anzi aktar ma jkun hawn maltemp aktar se nkomplu nkunu mal-familji u man-negozji. Magħqudin xejn u ħadd ma jista’ għalina. Għalhekk, iva, illum u għaż-żmien li ġej, Malta miegħek,” temm jgħid il-Prim Ministru Robert Abela.